Iż-Żwieġ
Sentejn qabel iż-żwieġ, l-għarajjes għandhom jinfurmaw lill-Kappillan bid-data taż-żwieġ tagħhom, u l-Knisja fejn ser tiġi ċċelebrata l-Quddiesa. Għandhom jibbukkjaw personalment għall-kors ta’ tħejjija għaż-Żwieġ Nisrani organizzat mill-Moviment ta’ Kana.
Il-Kors ta' Kana
Dan il-Kors isir f’Jannar fil-Parroċċa tal-Isla. Importanti ħafna li l-għarajjes jirreġistraw fl-Uffiċċju Parrokkjali. (Ara ħinijiet tal-Uffiċċju)
Seminar ta' Formazzjoni qabel iż-Żwieġ
Kull sena isir seminar għall-koppji għarajjes li jkunu ser jiżżewġu fi żmien sena. Jekk toqgħod l-Isla, tirċievi karta bil-posta u għalhekk tkun tista tibbukja minn qabel. Dan is-seminar huwa obligatorju għalhekk jekk ma jsirx fil-parroċċa tagħna trid tagħmlu post ieħor.
Tlett xhur qabel iż-Żwieġ
Jekk inti toqgħod l-Isla għandek tagħmel appuntament mal-Kappillan billi ċċempel fl-Uffiċċju Parrokkjali tlett xhur qabel sabiex jibda l-proċess tat-tnedijiet. Ikollok bżonn iċ-ċertifikati tal-Magħmudija u tal-Ġriżma ta’ l-Isqof. Jimtlew il-formoli neċessarji u jittieħed il-ġurament fuqhom. Wara l-għarajjes għandhom jmorru l-Kurja u r-Reġistru Pubbliku.
Preparazzjoni qabel iż-Żwieġ
-
Araw li tippreżentaw fl-Uffiċċju Parrokkjali l-karta tan-Notifikazzjoni taz-Żwieġ li ġġibu mill-Kurja. Wieħed irid iġib ukoll il-karti uffiċjali tal-gvern li jingħataw għaxart ijiem qabel it-tieġ.
- Tridu wkoll tagħtu l-isem tas-saċerdot li jkun ser jassisti għaż-Żwieġ tagħkom. Dan biex il-kappillan ikun jista’ jagħtih id-delega, li mingħajrha ma jistax isir iż-Żwieġ. Tistgħu wkoll tiftiehmu ma’ dan is-saċerdot il-qari u l-affarijiet l-oħra tal-Quddiesa.
Għal dakinhar taż-Żwieġ
- Ix-xhieda, flimkien mal-għarus, jidħlu fis-sagristija almenu kwarta qabel u jippreżentaw ruħhom lis-saċerdot li jkun se jassisti għaż-Żwieġ.
- Wieħed għandu jara mas-sagristan il-mod kif ser jitpoġġew il-fjuri. Ħadd m’għandu jċaqlaq xejn mill-Knisja mingħajr permess. Tajjeb li wieħed isaqsi jekk qabel hux ser ikun hemm xi żwieġ ieħor jew xi funzjoni oħra fil-Knisja biex ikun jista’ jirranġa l-fjuri skont il-każ. L-atmosfera tal-Knisja hi diġa’ sabiħa u għalhekk wieħed m’għandu qatt jesaġera fin-numru ta’ fjuri. Jekk ikunu ser isiru fjuri fuq l-artal (mejda fejn tiġi ċċelebrata l-Quddiesa) araw li dan ma jkunx għoli b’tali mod li jtellef lis-saċerdot u s-Sagrament tal-Ewkaristija.
- Tajjeb li tgħidulna qabel lil min se ġġibu għall-mużika u l-kant. Ma jistax isir kant mhux sagru.
- Ftiehmu tajjeb ma’ tar-ritratti u tal-vidjow biex ma jtellfux waqt il-funzjoni. Ftakru li din hi ċ-Ċerimonja speċjali tagħkom. L-attenzjoni prinċipali għandhom ikunu biss is-saċerdot u l-għarajjes.
- Araw li l-ilbies tagħkom u ta’ dawk li jiddependu minnkom ikun jixraq lid-Dar t’Alla. Dan nistennewh ukoll mill-mistednin tagħkom. Ilbies li jintlibes għas-sala mhux dejjem ikun xieraq għall-Knisja.
- Wara l-Quddiesa l-għarajjes u x-xhieda, flimkien mas-saċerdot, jiffirmaw id-dokumenti uffiċjali tal-gvern. Tiffirmaw żewġ kopji u l-għarusa tiffirma bil-kunjom ta’ xebba.
- Mhux permess li jintużaw konfetti fil-Knisja jew armar ieħor li ma jixraqx lill-Bażilika tagħna.
- Fuq iz-zuntier mhux permess li jinxtegħlu lampi jew dawl ieħor li jagħmel ħsara lill-granit. Jekk issir il-ħsara il-koppja trid tikkupensa għal ħsara li tkun saret.
Preparazzjoni għaż-Żwieġ
- Ħudu ħsieb li tagħżlu kmieni saċerdot biex iżewwiġkom.
- Ħudu ħsieb ta’ qrar flimkien kmieni.
- Tkun ħaġa sabiħa li tbierku d-dar li ser tidħlu fiha.
- Tajjeb li tħeġġu lill-familjari tagħkom jaħsbu ġurnata qabel għall-qrar.
- Tistgħu tagħżlu intom stess il-qari tal-quddiesa.
- Araw li fid-dar ikollkom kurċifiss jew xbieha devota li titolbu quddiemha.
- Araw issibux xi ktieb jew website li minnu tieħdu t-talb.
- Xieraq li l-għarajjes u anke' l-mistednin ikunu lebsin sabiħ imma diċenti. Mhuwiex diċenti l-ilbies skullat u qasir iżżejjed. B’mod speċjali l-għarusa għandha tieħu ħsieb dak li jiddependi minnha bħal-libsa tagħha u tal-bridesmaids.
- Aktar tagħrif jinkiseb mill-Uffiċċju Parrokkjali.
|