css3 buttons by Css3Menu.com



Grupp Kariżmatiku

Lumen Christi: Sezzjoni l-Isla

Il-Grupp Kariżmatiku ġie ffurmat fis-sena 1984. Il-pijunier ewlieni tal-grupp kien Fr Victor Degabriele SJ, li beda għall-ewwel darba jifforma dan il-grupp ġewwa l-Isla. Il-grupp beda jiffunzjona bi ftit persuni li kienu jiltaqgħu fid-djar tal-istess membri. Maż-żmien in-numru tal-membri beda jikber u l-grupp beda jiltaqa’ fil-knisja ta' San Filippu u għal xi żmien anke’ fl-Oratorju tal-istess knisja. Il-grupp jagħmel parti mill-Komunjoni Kariżmatika Malta, li hija ffurmata minn diversi gruppi u komunitajiet madwar Malta taħt Presidenza li tiġi eletta mill-istess komunjoni.

Il-laqgħat tagħna jieħdu forma ta’ tifħir u talb spontanju lejn Alla il-Misser. L-għan ewlieni huwa li nkomplu nitkattru fid-doni tal-Ispirtu s-Santu u nkomplu nikbru fil-fidi, fit-tama u fl-imħabba tagħna lejn Alla. Jkollna sharings, testimonjanzi u esperjenzi ta’ kif ħajjitna qed tinbidel meta niltaqgħu ma' Alla fil-ħajja personali tagħna. Diversi persuni bdew il-ħajja spiritwali taħhom permezz tal-grupp kariżmatiku li llum qegħdin iservu f'diversi oqsma fi ħdan il-knisja u anki fl-istess parroċċa.

Fis-sajf jiġu organizzati outreaches ix-Xatt, fil-pjazez u fit-toroq. Aħna nagħtu wkoll għajnuna lill-movimenti oħra kemm ġewwa l-Isla kif ukoll barra mill-Isla. Il-grupp għandu wkoll grupp ta’ Interċessjoni ffurmat minn diversi persuni. Dawn il-persuni regolarment jiltaqgħu darba fil-ġimgħa fejn jitressaq talb ta' Interċessjoni għall-bżonnijiet tal-grupp u tal-komunita’.

Illum il-grupp jgħodd mal-25 membru u jiltaqa’ kull nhar ta' Tnejn fis-7:00 ta' filgħaxija fil-knisja ta' San Ġiljan fl'Isla stess. Kull laqgħa ddum siegħa biss. Il-laqgħat huma miftuħa għal kulħadd. Mela ħu din l-opportunita’ u ejja u ngħaqad magħna u esperjenza int ukoll il-ferħ ta' Kristu feddej. Il-Paċi tal-Mulej tkun dejjem magħkom.

Copyright © Parroċċa l-Isla, Malta. All Rights Reserved