css3 buttons by Css3Menu.com



Kor Tfal u Adolexxenti

 

Dan il-kor beda fl-2006. L-għan prinċipali tiegħu kien li permezz tal-kant aktar tfal jattendu l-quddiesa tal-Ħadd. L-idea kienet ta’ Fr Joe Grech, l-Arċipriet tal-Isla f’dak iż-żmien, u ta’ Janet Abela li wara għaqqdet u mexxiet il-grupp b’ paċenzja u dedikazzjoni kbira. Dan il-grupp jilqa’ fih kemm tfal kif ukoll adolexxenti. Dawk li jibqgħu telgħin magħna jsiru huma wkoll parti mit-tim ta’ leaders li għandu dan il-grupp. Għal bidu l-grupp beda billi janima l-quddiesa tal-ewwel Ħadd tax-xahar. Bħala preparazzjoni għall-quddiesa kienet issir prova l-Erbgħa ta’ qabel l-ewwel Ħadd tax-xahar. F’dawn il-laqgħat kienu jippreparaw il-qari, it-talb għall-quddiesa kif ukoll jitgħallmu xi kant ġdid biex isebbħu l-quddiesa li huma ser ikunu qed janimaw. Barra l-preparazzjoni tal-quddies, isiru attivitajiet oħra, bħal talent shows u attivitajiet f’ jum l-Omm fejn il-membri jtellgħu serati bbażati fuq it-talenti varjati tagħhom.

Bħala grupp aħna nemmnu fil-formazzjoni kompluta tal-membri tagħna għalhekk naħdmu biex isiru dawn l-attivitajiet biex il-membri jiffurmaw karattru sod u jkabbru l-fiduċja fihom infushom. Fl-istess ħin huma jitgħallmu jaħdmu flimkien bħala grupp u jsiru aktar responsabbli. Minn Mejju tal-2013 il-kor tat-tfal u adolexxenti qed janimaw żewġ quddisiet fix-xahar; fl-ewwel u t-tielet Ħadd. Il-Provi tal-quddies dejjem ikunu t-Tlieta ta’ qabel kull quddiesa fil-Knisja. Il-membri jingħataw avviż kull xahar biex ikunu jafu meta jmisshom attivitajiet f’dak ix-xahar.

Ix-xogħol importanti, imma d-divertiment ukoll. Għalhekk aħna norganizzaw attivitajiet bħal film shows, għawm u numru ta’ ħarġiet matul is-sena sabiex it-tfal iżommu ruħhom animati f’ambjent san u ferrieħi. Il-grupp illum qed jitmexxa minn Romina Powell, Pauline Schembri, Sandra Inguanez u Janet Abela li għadha tati sehemha wkoll meta jkun hemm il-bżonn. Dawk il-ġenituri li jixtiequ lit-tfal tagħhom jiffurmaw parti minn dan il-kor għandhom ikellmu lil Arċipriet jew lis-Sinjorina Romina Powell.

Copyright © Parroċċa l-Isla, Malta. All Rights Reserved