css3 buttons by Css3Menu.com



L-Oratorju tas-Santissimu Kurċifiss

 

Fis-sena 1727, il-membri tal-Fratellanza tal-Kurċifiss, bdew jaħsbu biex jibnu Oratorju fuq biċċa art mogħtija lilhom mill-Kavallier Emmanuel Pinto, aktar tard Gran Mastru tal-Ordni ta' San Ġwann. Il-bini kollu tlesta fl-1733 u kienu responsabbli għalih l-arkitett Claudio Durante, il-kapumastru Francesco Zerafa u l-iskultur Pietru Pawl Zahra, it-tlieta li huma wlied din il-belt. Id-daqs spazjuż, il-linji arkitettoniċi u l-iskultura fina li żżejnu, jagħmlu minn dan l-Oratorju eżempju klassiku tal-arti Barokka tas-Seklu 19. Il-ħitan huma mqassma fi spazji wesgħin, mifrudin minn gruppi ta' pari ta' pilastri li jagħmlu sfond ideali għal sett ta' sitt Anġli kbar tal-ġebel, li kull wieħed iġorr simbolu tal-Passjoni. Il-faċċata prinċipali ukoll toffri spettaklu ta' skultura Barokka, li tiffoka l-attenzjoni fuq niċċa li fiha tagħlaq xbieha ta' Ġesu' Imsallab. Dan il-Kurċifiss kbir tal-injam inġieb minn Ruma apposta biex jitqiegħed f'din in-niċċa, li d-dahar tagħha huwa miksi b'mijiet ta' relikwi ta' Qaddisin, miżmuma f'teki u kaxxi dekorattivi. Fil-mensa tal-artal maġġur hemm ippreservati għall-qima, il-fdalijiet ta' San Vittorju, martri, li kienu nġiebu minn Ruma fl-1788.

Fil-parti ta' fuq tal-ġnub tal-Oratorju, fl-ispazji bejn l-Anġli, hemm sitt pitturi ta' valur kbir, erbgħa tal-pittur magħruf Senglean Francesco Zahra, u t-tnejn l-oħra tal-pittur ċelebri Mattia Preti. Fil-parti t'isfel hemm sett ta' pitturi ta' Ġużeppi Bonniċi, Senglean ieħor, li jirraffiguraw is-Seba' Duluri tal-Madonna.

Imma ċ-ċentru tal-attenzjoni u tad-devozzjoni f'dan l-Oratorju, hija bla dubju x-xbieha mirakoluża ta' Ġesu' Redentur. Din l-istatwa tant magħrufa, li turi lil Ġesu' jaqa' taħt il-piż tas-Salib fit-triq tal-Kalvarju, ilha għal aktar minn tliet sekli, xbieha b'qima u devozzjoni qawwija u dejjiema. Tant hu hekk, illi fis-sena 1751, b'digriet tal-Papa Benedittu XIV, ingħata privileġġ uniku illi fl-Oratorju tal-Kurċifiss u sewwasew quddiem in-niċċa tar-Redentur, jitqiegħed artal permanenti biex isir quddies fuqu tul is-sena kollha. Sa żmienna, eluf ta' devoti ta' kull ġimgħa, imma l-aktar fi żmien ir-Randan u l-Ġimgħa l-Mqaddsa, jiġu jinvistaw b'qima u jitolbu b'ħerqa quddiem din ix-xbieha għażiża. L-eluf kbar li jimxu wara din l-istatwa devota kull meta tinħareġ f'pellegrinaġġ hija wkoll xhieda awtentika tad-devozzjoni qawwija u l-kult marbut ma' din l-istatwa.

Il-Fratellanza tal-Kurċifiss dejjem ikkurat mill-aħjar li setgħet dan l-Oratorju tagħha. L-armar rikk u d-dekorazzjonijiet prezzjużi li bihom jiżżejjen dan l-Oratorju, l-aktar fil-jiem tal-festa titulari ta' Marija Bambina nhar it-8 ta' Settembru, jixhdu għal dan. Dan l-Oratorju, u kulma fih, huwa patrimonju artistiku inestimabbli kemm tal-Parroċċa kif ukoll tal-Belt Senglea.

Kienet bi grazzja t'Alla u b'xorti kbira li dan l-Oratorju ħelisha bi ftit ħsarat biss fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija, minkejja l-ħerba li ġarrbet l-Isla, b'mod partikulari bit-tiġrif kważi totali tal-Bażilika għażiża tagħna.

Copyright © Parroċċa l-Isla, Malta. All Rights Reserved