css3 buttons by Css3Menu.com
Kor Marija Bambina
Il-Bidu Minn żmien l-ewwel snin tas-sebgħinijiet, flimkien mal-organista Agostino Attard, kienu jinġabru numru ta' rġiel fil-quddiesa Gregorjana tal-Ħadd. Dan kien għall-ħabta tal-1972, meta Ġużeppi Baron u Charlie Mercieca flimkien ma' grupp ta' rġiel bdew dan il-kor, li wara f'kumitat ġie miftiehem li l-isem tiegħu kellu jkun "Kor Marija Bambina". Il-kor beda jikber u bdew deħlin tfal li kienu jinġabru għall-quddiesa ta' filgħaxija u fl-istess ħin jiġu mgħallma minn Dun Pawl Schembri. Wara ftit il-Kor Marija Bambina waqa' taħt id-direzzjoni ta' Suor Speranza li kienet tgħallem il-pjanu wkoll. Meta miet is-surmast Attard, ġie avviċinat is-surmast Alfred Callus. Matul iż-Żmien Fl-1977, għall-okkażjoni tal-ewwel quddiesa solenni ta' Dun Anton Gouder, il-Kor kanta għall-ewwel darba akkumpanjat mill-orkestra, taħt id-direzzjoni tas-Surmast Callus. Dakinhar ukoll il-kor libes għall-ewwel darba uniformi. Hekk kif miet l-Arċipriet Sladden, inħatar arċipriet Dun Vincenz Cachia li mill-ewwel tefa' għajnejh fuq il-kor u għamel kemm setgħa biex dan il-kor ikompli jikber. Matul is-snin l-organisti bdew taħriġ għand patri Albert Borg, u fl-istess ħin Joe Huber beda jagħti lezzjonijiet tal-vuċi lill-membri tal-kor. Il-kor ġie wkoll maqsum f'erba' sezzjonijiet; soprani, mezzo soprani, tenuri u baxxi. Wara dan, il-kor beda wkoll joħroġ mill-parroċċa, twaqqaf kumitat ċentrali u sotto kumitat, biex jiġu organizzati attivitajiet soċjali kif ukoll biex jiġi pubblikat fuljett kull xahrejn bl-isema ta’ “Il-Vuċi”. Nibdet fil-kor il-ħajra li nipparteċipaw f'festivals tal-korijiet parrokkjali u dan sar f'ħafna okkażjonijiet. Iżda l-akbar suċċessi li kellu l-kor kien fl-1996 fl-okkażjoni tal-75 sena anniversarju tal-inkurunazzjoni ta' Marija Bambina. Fosthom in-novena ta' Marija Bambina li ġiet kantata mal-orkestra taħt id-direzzjoni tas-Surmast Callus, kif ukoll il-funzjoni tal-4 ta' Settembru fix-Xatt waqt quddiesa solenni kkonċelebrata mill-Arċisqof Mons. Ġużeppi Mercieca, taħt it-tmexxija ta' Dun Ġwann Galea. Il-Kor Marija Bambina ħa sehem ukoll għal għaxar snin konsekuttivi fil-festa tal-Madonna tal-Karmnu ż-Żurrieq. Ħa sehem ukoll f'festival tal-korijiet li sar fil-kulleġġ San Alwiġi f'Birkirkara u fejn ħa l-ewwel post. Fost oħrajn il-kor ħa sehem ukoll fil-quddies ikkonċelebrati mill-Papa Ġwanni Pawlu II, fiż-żewġ żjarat tiegħu f'Malta. Il-Kor Marija Bambina għadda minn ħafna affarijiet li jibqgħu minquxa f'kull membru, u dan kollu ma' kienx ikun possibbli li kieku ma' kienx għal ħafna sagrifiċċji, kemm mill-membri kif ukoll minn dawk li jmexxu kemm b'mod mużikali kif ukoll b'mod spiritwali. Servizzi tal-Kor Illum Il-Kor parrokkjali jagħti s-servizz tiegħu waqt il-funzjonijiet li jsiru fil-parroċċa, fosthom il-festa ta’ Marija Bambina, festa ta’ Ġesu’ Redentur, waqt żmien il-Għid, kif ukoll fi żmien il-Milied. Il-kor jagħti opportunita’ lill dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-kant. Alla żejjinna b’ ħafna talenti, għalhekk xieraq li l-ewwel u qabel kollox nużawhom biex infaħħru lilu ta’ dak kollu li għamel magħna. Il-kor hija għaqda bil-polz għalhekk barra s-servizzi waqt il-funzjonijiet il-kor ikollu wkoll xi ħarġiet u ikliet. L-appuntament li jiltaqa’ fih il-Kor huwa darba fil-ġimgħa għal provi. Normalment il-ġurnata tkun kull nhar ta’ Ġimgħa fis-7.00p.m. fil-Knisja tal-Vitorja. Minn hawn nixtiequ nagħmlu appell għal dawk li għandhom għal qalbhom il-mużika jew jixtiequ li jibdew ikantaw biex jikkuntattjaw lid-Direttriċi tal-Kor Sandra Inguanez jew inkella jitkellmu mal-Arċipriet biex isiru membri ta’ din il-familja tagħna. Insellmilkom u nispera li niltaqa’ magħkom. Membri tal-Kumitat: Il-Kanonku Rev. Arċipriet Dun Robin Camilleri, Dun Aurelio Mule’ Stagno, Mro Alfred Callus (Surmast), Sandra Inguanez (Direttriċi), Romina Powell (Segretarja), Mario Caruana, Dorothy Caruana, Margaret Chetchuti, Jane Caruana, Joan Gabriele. |