css3 buttons by Css3Menu.com
Il-kolleġġjata ta' Marija Bambina fl-Isla
It-Twaqqif tal-Kolleġġjata Il-Kappillan, Dun Salvatore Bonniċi, sa mill-ewwel jum tan-nomina tiegħu fl-10 ta’ Jannar 1778, beda jippjana biex f’qasir żmien ikun jista’ jara lil din il-Parroċċa mogħnija bil-ġieħ ta’ Kolleġġjata. Id-dinjità ta’ Kolleġġjata kienet mixtieqa ħafna għall-ġid tal-Parroċċa. Ix-xewqa ewlenija tal-Kolleġġjata kienet biex il-Parroċċa jkollha servizz aħjar mill-kleru numeruż tagħha u biex l-amministrazzjoni tal-legati tkun iżjed tajba. Fis-27 ta’ Jannar 1783 tressaq rikors quddiem il-Papa Piju VI. It-trattativi ma kienux ħfief u ħadu fit-tul. Wara li ntrebħu d-diffikultajiet kollha, bis-saħħa tal-għajnuna mogħtija lilu mill-Isqof ta’ Malta Mons. Vincenzo Labini, il-Papa Piju VI, fit-tnax-il sena tal-Pontifikat tiegħu, iffirma l-Bolla li biha l-Knisja ta’ Marija Bambina fl-Isla ġiet mgħollija għall-ġieħ ta’ Kolleġġjata insinji. Il-Bolla tissejjaħ Exigit Apostolici Officii mill-ewwel tliet kelmiet tagħha. L-Ewwel Kapitlu L-erezzjoni ta’ Kolleġġjata kienet sejra tgħin biex il-kleru jkun jista’ jiltaqa’ kuljum, u f’għamla komunitarja, ħalli jagħti qima lil Alla. B’hekk, il-ħajja spiritwali setgħet tinħass iżjed. Il-pussess tal-ewwel Kanonċi sar fis-7 ta’ Settembru 1786 mill-Isqof Vinċenzo Labini. Il-Kapitlu kien magħmul minn ħames dinjitajiet li, aktar tard, saru sitta. Dawn kienu l-Primiċerju, li hu l-ewwel dinjità u li kellu jintgħażel mis-Sede Appostolika; l-Arċipriet, t-tieni dinjità u li kellu jkun dak li jkollu f’idejh il-ħsieb tal-erwieħ; id-Dekan; il-Kantur; il-Prepostu u t-Teżorier. Madwar sittax-il Kanonikat ieħor kienu jiffurmaw il-Kapitlu. Minn dawn is-sittax kellhom jintgħażlu wkoll il-Penitenzier u t-Teologu. L-ewwel laqgħa Kapitulari saret fl-20 ta’ Settembru 1786. Minn dak iż-żmien, fil-Kurja Arciveskovili ta’ Malta beda jinżamm reġistru li fih jinżammu d-dokumenti kollha marbutin ma’ kull persuna li jkollha xi kanonikat fl-Isla. Il-Kapitli tal-Kanonċi fl-Imgħoddi u Llum Sa mill-ewwel żminijiet tal-Knisja, madwar l-Isqof, kien ikun hemm għadd ta’ presbiteri, jew saċerdoti, jew djakni. Dawn kienu jgħinuh bil-ħidma u bil-pariri tagħhom fiċ-ċelebrazzjoni tal-qima pubblika lil Alla, li hija l-liturġija, kif ukoll fil-ħidmiet l-oħra tal-ministeru u fit-tmexxija u fil-qadi tal-komunità nisranija fil-ħtiġijiet tagħha. Maż-żmien, u speċjalment fuq l-eżermpju tal-ħajja flimkien tal-patrijiet fil-monasteri, bdiet tidħol l-ideja li tkun ħaġa ta’ ġid kemm għall-istess presbiteri, djakni u kjeriċi oħra, kif ukoll għas-servizz tal-Knisja u għall-qadi tal-bżonnijiet tal-Insara, li l-kjeriċi jibdew jgħixu flimkien taħt regola ta’ ħajja komuni. Din il-forma ta’ ħajja bdiet isseħħ l-aktar fil-Knisja Kattedrali. Hawn is-saċerdoti u l-kjeriċi l-oħra bdew jgħixu flimkien mal-Isqof tagħhom f’dar qrib il-Kattidral. Kienu jgħinu lill-Isqof fiċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi, l-aktar dawk solenni u fit-talb flimkien tal-Uffiċċju Divin, fil-ħajja sagramentali tal-fidili, fit-tmexxija tal-komunità, fil-ħidmiet tal-ministeru pastorali u tal-karità, u fl-amministrazzjoni tal-ġid tal-Knisja. Kienu wkoll jieħdu ħsieb tal-iskola tad-Djoċesi: hawn kienu jitħarrġu speċjalment dawk imsejħin minn Alla għas-servizz tal-Knisja. Barra milli fil-Knisja Kattedrali, l-istess għamla ta’ ħajja qabdet l-art f’dawk il-knejjes, 1-aktar tal-ibliet jew l-irħula kbar, li kellhom għadd sabiħ ta’ saċerdoti u kjeriċi għas-servizz tagħhom u tal-komunità nisranija moqdija minnhom. L-għaqdiet jew gruppi, ta’ dawn is-saċerdoti u kjeriċi, kienu jgħixu flimkien skont il-liġijiet tal-Knsja u r-regoli tagħhom bdew jissejħu, b’kelma waħda sa mill-antik mill-Knisja, bħala Kapitli. Is-saċerdoti u l-kjeriċi l-oħra li kienu jgħixu din il-ħajja flimkien, iżda mingħajr il-wegħdiet li jagħmlu l-patrijiet, bdew jissejħu Kanonċi. Din il-kelma ġejja mill-Grieg ‘kanon’, li tfisser ‘regola’. U dan kemm għaliex kienu jgħixu ħajja flimkien skont il-liġi kanonika u skont ċerta regola approvata mill-Knisja; kif ukoll għaliex kienu jgħidu flimkien it-talb tal-Uffiċċju Divin, jew tas-Sigħat Kanoniċi jew, kif insejħulha llum, tal-Liturġija tas-Sigħat. Hawn min igħid ukoll li dan l-isem ġej mill-fatt li dawn il-kjeriċi kienu miktubin fil-kanoni jew lista tal-kjeriċi addetti għas-servizz tal-Kattidral jew tal-knisja kapitulari jew kolleġġjata, u marbutin magħha. Il-Kapitli maż-Żmien Maż-żmien bdiet tonqos u tintilef dik li fil-bidu kienet il-qofol tal-ħajja tal-kanonċi, il-ħajja flimkien. Dan seta’ ġara, kemm minħabba ħtiġijiet ġodda fil-ministeru pastorali, bħat-twaqqif ta’ parroċċi, knejjes u komunitajiet insara ġodda b’saċerdot wieħed jew tnejn iservihom; kif ukoll minħabba li l-kjeriċi bdew aktar ifittxu li jgħixu għal rashom għal ċerta indipendenza. Forsi għen ukoll il-fatt li waqt li fl-ewwel sekli tal-kapitli, il-kanonċi kienu jirċievu kontribuzzjonijiet għall-għajxien tagħhom mill-propjetà komuni tal-kapitlu, taħt is-sistema benefiċjali, parti minn din il-propjetà tqassmet f’prebendi, u kull kanonku kien jingħata t-tgawdija tad-dħul minn waħda minn dawn il-prebendi, li kien jamministra għal rasu. Ġara wkoll li bil-mod il-mod ħafna mill-kapitli, waqt li żammew iċ-ċelebrazzjoni flimkien tal-Liturġija tas-Sigħat u tal-quddiesa kapitolari jew konventwali, kif ukoll l-amministrazzjoni tal-propjetà tal-Kapitlu u tal-knisja, inqatgħu għal kollox bħala tali mill-ministeru pastorali. Xi kapitli, iżda, baqgħu jiġu konsidrati bħala l-kappillani ta’ ċerti parroċċi, għalkemm kienu jinnominaw wieħed mill-kanonċi bħala ‘Vigarju kurat’ biex jieħu ħsieb il-kura tal-erwieħ. F’ħafna każijiet oħra kienu kanonċi individwali li, mill-ħeġġa tagħhom bħala saċerdoti, iddedikaw ruħhom għall-ħidma pastorali id f’id mal-Kappillani. B’danakollu, il-Kapitlu tal-Kattidral baqa’ meqjus bħala s-Senat jew l-ogħla kunsill tal-Isqof. Il-Kapitli Llum Ir-riforma fil-ħajja tal-Knisja, imnedija mill-Konċilju Vatikan it-Tieni, messet ukoll il-Kapitli. Wara l-Konċilju, il-liġi tal-Knisja firdet il-kapitli mit-tmexxija tal-parroċċi bħala kappillani, kif fil-prattika kien diġa’ seħħ, peress li kien baqa’ biss ħaġa sempliċement legali. Iżda l-Knisja ma tidhirx li trid tifred il-kapitli mill-ministeru pastorali u mis-servizz tal-Poplu t’Alla fil-knisja kolleġjali. Diġa’ fid-Direttorju tal-Kleru ta’ Malta (1979) kien stabilit “Fejn hemm kapitlu, il-kanonċi għandhom jiffurmaw parti mill-presbiterju parrokkjali u jagħtu sehem sħiħ fil-ħidma pastorali tal-parroċċa” (n. 27). Jingħad ukoll fl-istess dokument li fiċ-ċelebrazzjoni tal-Uffiċċju Divin u funzjonijiet liturġiċi oħra, il-kapitlu mhux biss m’għandux ikun ta’ tfixkil għall-ħidma pastorali tal-parroċċa, iżda b’din il-ħidma qaddisa tiegħu għandu jkun ta’ eżempju tajjeb għall-fidili fit-talb kif ukoll għandu jseħibhom miegħu kemm jista’ jkun f’dawn iċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi sbieħ u solenni (n. 27 u 28). Veru li llum il-Knisja m’għadhiex tobbliga l-kanonċi jgħixu ħajja komuni. Iżda fil-ligi tagħha għadha tafdalhom ħidma sabiħa. Skont il-kanoni 503 tal-Kodiċi l-ġdid tad-Dritt Kanoniku, il-kapitli tal-kanonċi, kemm tal-Kattidral kif ukoll tal-Kolleġġjati, huma korpi tas-saċerdoti biss: bħala skop komuni u speċjali tagħhom għandhom dak li jiċċelebraw il-funzjonijiet liturġiċi aktar solenni fil-Kattidral jew fil-knejjes kolleġjali. Barra minn hekk, l-Isqof jista’ jagħti ħidmiet oħra lill-Kapitlu tal-Kattidral. Iżda dan m’għadux is-Senat tal-Isqof: din il-funzjoni llum jaqdiha l-Kunsill Presbiterali tad-Djoċesi li jirrapreżenta s-saċerdoti kollha. Barra minn dan, l-istatuti ta’ kull Kapitlu jridu jistabilixxu x’għandhom jagħmlu l-kapitlu stess u l-kanonċi individwalment fiċ-ċelebrazzjoni tal-liturġija u fil-ministeru. Hekk jidħol mill-ġdid is-sehem li l-kanonċi jistgħu jagħtu fil-ħidma pastorali favur il-bżonnijiet tal-Poplu t’Alla fid-Djoċesi u fil-parroċċi fejn jeżistu. Il-Kapitlu Senglean
Informazzjoni miġbura mis-Sur Fabian Mangion. |