css3 buttons by Css3Menu.com



Il-Ġrajja tal-Inkurunazzjoni tal-istatwa ta' Marija Bambina fl-Isla Mitt Sena Ilu

 

Sa mill-ibgħad żminijiet il-bniedem ried dejjem juri l-qima tiegħu lejn dak li ma jifhimx b’tiżjin xieraq kemm fit-tempji kif ukoll fir-rappreżentazzjonijiet tagħhom. Il-poplu Senglean żgur li ma kienx eċċezzjoni u dan urieh biċ-ċar mitt sena ilu bl-Inkurunazzjoni tal-Istatwa ta’ Marija Bambina.

Xieraq li wieħed jara x’kien qed jiġri ftit iktar min mitt sena ilu f’Malta. Fl-1918 id-dinja kienet għadha kif għaddiet minn gwerra kiefra ta’ 4 snin, li b’fortuna kbira ’l Malta ma laqtithiex. Malta kienet għaddiet minn żmien ta’ xogħol kbir u prosperità bis-servizzi li kienu jiġu offruti minnha. Tista’ tgħid li x-xogħol madwar il-portijiet kien żdied ħafna, iżda mat-tmiem tal-gwerra ġew ħafna problemi ta’ skarsezza t’ ikel u ħafna spiċċaw tilfu xogħolhom. Fl-1919 kienet qed tiġi diskussa wkoll xi forma ta’ premju lill-Maltin tal-għajnuna li taw lil Ingliżi fil-forma ta’ gvern lokali. Kien iż-żmien tal-irvellijiet tas-Sette Giugnio, fejn il-Maltin ipprotestaw kontra nuqqas ta’ qamħ u ż-żieda fil-prezz tal-ħobż, l-iktar ikel bażiku għall-foqra. F’dawn l-irvellijiet inqatlu 4 irġiel.

Kien żmien iebes għal Malta imma l-poplu dejjem kellu fiċ-ċentru ta’ ħajtu ’l Alla, ’il-Madonna u d-devozzjoni qatt ma naqset. Is-Sengleani kienu magħrufa sew għal din il-ħaġa. Sa mill-1813, il-purċissjoni bl-istatwa ta’ Marija Bambina bdiet titqies votiva, jiġifieri ssir b’ringrazzjament talli l-Isla nħelset mill-marda qerrieda tal-Pesta. Is-Sengleani kienu ilhom sa mill-1915 jibagħtu suppliki lill-Arċisqof Mawro Caruana biex l-istatwa ta’ Marija Bambina tiġi nkurunata f’isem il-Vatikan. Iżda kien biss fl-1920 li sar rikors quddiem il-kapitlu tal-Vatikan, mill-istess Arċisqof, probabbilment minħabba li kien hemm il-gwerra għaddejja kif diġà ssemma qabel. Ir-reskritt tal-Inkurunazzjoni ħareġ fl-1 ta’ Mejju 1920 u wasal Malta sitt ijiem wara. Minn hemm inħatar kumitat proviżorju li xogħolu kien li jsib nies mill-Isla biex jinħatar il-kumitat organizzattiv li kellu jiġi presedut mill-Arċipriet Adami. Il-Poplu Senglean kien tant ferħan li kien wasal ir-reskritt li kull min kellu arblu tella’ bandiera. Ir-reskritt ġie mħabbar solennement waqt quddiesa fil-preżenza tas-Sengleani u tal-Arċisqof innifsu. Wara, marċ mill-banda Queen’s Own dar mat-toroq tal-Isla kollha fost l-entużjażmu u d-dilirju tas-Sengleani.

Is-sena 1920 kienet speċjali għas-Sengleani mhux biss għax kienet għadha kemm waslet l-aħbar li l-istatwa ta’ Marija Bambina kienet se tiġi nkurunata mill-Vatikan, imma wkoll għax l-istatwa kienet ilha ma toħroġ proċessjonalment sa mill-1913 minħabba l-gwerra u propju f’dik is-sena kienet se terġa’ ssir il-purċissjoni f’nhar il-festa. Il-poplu Senglean ried juri mħabbtu lejn Marija permezz ta’ dak li seta’ joffri materjalment, tant li f’temp ta’ ġimgħa inġabru madwar 300 offerta ta’ deheb, ġahwar, djamanti u liri tad-deheb sabiex tkun tista’ ssir il-kuruna. Din kienet l-ikbar spiża li l-kumitati tal-festi tal-inkurunazzjoni kellhom quddiemhom. Il-kuruna kellha ssir fuq l-antika b’xi modifikazzjonijiet żgħar. Din il-kuruna tlestiet ftit qabel l-inkurunazzjoni u ġiet esposta għall-poplu biex jaraha.

Il-Kapitlu Senglean xtaq ħaġa oħra biex iżżejjen lill-Knisja tal-Isla, dan kien li jingħata t-titlu ta’ Bażilika qabel ma l-istatwa ta’ Marija Bambina tiġi nkurunata. Dun Goffredo Lubrano ħaseb li jkellem lil Don Mauro Inguanez; Benedittin Senglean li kien jgħix f’Monte Cassino. Dan tal-aħħar kellu diversi kuntatti ma’ nies f’pożizzjoni għolja fil-knisja, b’mod speċjali mal-Kardinal Vico li kien imexxi każijiet bħal dawn. Sar rikors mill-Kapitlu u kien sostnut mill-Arċisqof. B’xorti tajba t-talba ġiet milqugħa u l-Papa Benedittu XV ħareġ ittra appostolika li tgħolli l-Knisja tal-Isla għall-istat ta’ Bażilika. Din l-ittra intlaqgħet b’entużjażmu kbir mill-poplu. Apparti l-ispejjeż li kien hemm konnessi mal-inkurunazzjoni issa riedu jaħsbu għall-ispejjeż tat-titlu tal-Bażilika, dawn kienu jinkludu; it-tribuna, l-umbrellun (bħal umbrella kbira magħmula minn drapp isfar u aħmar) u t-tintinablu (bħal qanpiena ftit kbira li kienet tinġarr fuq lasta).


Għal dawn il-festi kbar kellha ssir preparazzjoni wkoll spiritwali għall-poplu Senglean. Kull 8 tax-xahar, kellha ssir quddiesa bi tqarbina ġenerali u bil-priedka dwar il-Madonna. Dawn bdew isiru minn Ottubru tal-1920 u l-istatwa tal-Bambina ġiet imqiegħeda fuq l-artal maġġur. Din kienet l-aħħar darba li l-Bambina kellha titgawda mill-poplu Senglean għax kellha tittieħed il-Belt biex tiġi ndurata bid-deheb u l-fidda, kif ukoll jagħmlulha disinji fil-libsa bil-ħaġar prezzjuż.

Ġiet magħżula d-data tal-inkurunazzjoni tal-istatwa ta’ Marija Bambina li kienet l-4 ta’ Settembru 1921 u l-kuruna kellha titpoġġa mill-Arċisqof Mawro Caruana, bħala rappreżentant tal-Vatikan. Il-Kumitat tal-festi esterni, ħejja sew il-mod ta’ kif kellha tiżżejjen l-Isla għal dakinhar. Triq il-Vittorja kellha ssirilha kannizzata ta’ ħaxix u dawl. L-armar kollu ta’ barra nżebagħ mill-ġdid għall-festi speċjali, u inġieb ukoll armar mill-Belt biex jintrama x-xatt. Mar-ritorn tal-Istatwa tal-Bambina fl-Isla, kellha tittieħed il-Knisja ta’ San Filippu. Fit-28 t’ Awwissu, il-Kapitlu u l-poplu tela’ San Filippu proċessjonalment mill-Bażilika. Meta nħarġet l-istatwa mill-bieb is-Sengleani nfexxew f’għajjat ta’ tifħir lill-Madonna. Mal-ħruġ inħarqu wkoll xi murtali li nġiebu mill-Ġermanja. In-nies ingħataw torċi biex jintużaw waqt il-purċissjoni minn San Filippu lejn il-Bażilika. Il-poplu li kien jgħix fi Triq il-Vittorja żejjen il-gallarijiet biex juri l-ferħ li kien qed iħoss. Mal-wasla tal-Istatwa fil-knisja Parrokjali bdiet in-novena. Dik is-sena in-novena kienet saret kollha kemm hi bid-daqq tal-istrumenti u priedki sbieħ. Il-preparazzjoni spiritwali kienet importanti ħafna sabiex il-poplu jieħu li jista’ minn din l-inkurunazzjoni tal-istatwa tant għal qalb is-Sengleani.


Fit-3 ta’ Settembru saret mixgħela u l-kuruna inġarret minn 4 żgħażagħ libsin ta’ Kavallieri fuq imħadda tal-bellus bil-ġmiemen tad-deheb. Il-poplu mexa wara l-kumitati sal-Bażilika wara l-kuruna, bit-torċi f’idejhom, kif ukoll akkompanjati minn sparar. Rappreżentant tal-poplu (parti mill-kumitat tal-festi esterni) offra l-kuruna lill-Arċipriet Adami. Wara saru diskorsi li qanqlu l-qalb tal-poplu. Fl-aħħar sebħet l-għodwa tant mistennija mis-Sengleani kollha, l-4 ta’ Settembru 1921. Mad-daqq tal-ewwel qniepen kmieni filgħodu, ħafna Sengleani kienu diġa fi triqthom lejn il-knisja sabiex iqaddsu dan il-jum bil-quddiesa u tqarbina. Għal darb’ oħra l-kapitlu jew aħjar il-kulleġġ tal-qassisin tal-kolleġġjata tal-Isla, mexa proċessjonalment lejn il-knisja ta’ San Filippu u minn hemm lura lejn il-Bażilika, jakkumpanjaw lill-Arċisqof Mawro Caruana u l-kapitlu tal-Katidral. Għal din l-okkażżjoni ntużaw ukoll għall-ewwel darba l-umbrellun u t-tintinablu, bħala simboli li juru l-erezzjoni ta’ Bażilika minuri. Qabel il-pontifikal sar kuntratt man-nutar Giovanni Vella li permezz tiegħu ġiet mogħtija l-kuruna mis-Sengleani. Wara l-qari tal-kuntratt, il-kuruna tbierket mill-Arċisqof. Fl-omelija tiegħu dan tal-aħħar entużjażma ħafna lis-Sengleani billi qalilhom dwar il-fatt li hu kien ukoll imrobbi fl-Isla u kemm ħassu ixxurtjat li kien se jkun hu li jinkuruna l-istatwa tal-Bambina. Mas-sagħtejn ta’ wara nofsinhar il-poplu kien diġa ħonoq kull rokna tax-xatt u kien hemm kwantità kbira ta’ dgħajjes, laneċ u vapuri. Kien hemm ukoll nies ix-xatt tal-Birgu u anki f’Bormla. Il-purċissjoni telqet mill-Bażilika, fiha ħadu sehem; il-kapitlu tal-Katidral, persuni prominenti, professjonisti, studenti Sengleani u uffiċjali tar-reġiment Malti, magħhom ukoll il-Fratellanzi u soċjetajiet oħrajn. Il-parroċċa ta’ Ħal Lija sellfu it-tribuna li kellha titpoġġa taħtha l-istatwa ta’ Marija Bambina.


L-istatwa ta’ Marija Bambina tfaċċat ix-xatt fil-ħamsa ta’ wara nofsinhar. Waqt li tpoġġiet taħt it-tribuna, tkantat l-Ave Maris Stella li kienet inkitbet għall-okkażjoni mis-Surmast Pawlino Vassallo fost applawsi li ma setgħux jieqfu. L-iktar mument mistenni wasal meta l-Arċisqof Mawro Caruana, flimkien mal-isqfijiet Camilleri u Portelli poġġew il-kuruna fuq ras l-istatwa ta’ Marija Bambina. Huwa ta bewsa wkoll biex juri l-qima li kellhom lejha l-Maltin u b’mod speċjali s-Sengleani li f’dak il-mument kienu qed jagħtuha t-titlu ta’ reġina tagħhom. Wara d-diskors tal-Arċisqof indaqqet ir-Regina Ceoli u daqqew il-qniepen kollha tal-knejjes tal-madwar. Wieħed jista’ jimmaġina kif bdew iħossuhom is-Sengleani f’dan il-mument, kemm kienu ferħana bla ma jneħħu ħarsithom minn fuq l-istatwa tant għal qalbhom. Żgur li kien hemm ċapċip kbir li jtarrax, biki bil-ferħ u tixjir ta’ mkatar u kpiepel biex juru l-emozzjonijiet tagħhom. Jingħad li dan l-entużjażmu tan-nies dam sejjer għal madwar nofs siegħa, wara reġgħet bdiet il-purċissjoni lejn il-Bażilika fost il-ferħ, tifħir, sparar, kant u daqq tal-qniepen. Kien wara l-barka li ngħatat mal-wasla tal-istatwa fil-Bażilika li ndaqq l-innu tal-Inkurunazzjoni; Issa ntemmet ix-xewqa ta’ qalbna. Dan l-innu nkiteb minn Dun Karm Psaila bil-mużika tas-surmast Ġużeppi Caruana.


Filgħaxija saret mixgħela fil-knejjes kollha ta’ Malta biex tirrimarka l-importanza ta’ dan il-jum mhux biss għas-Sengleani imma għal Malta kollha, li tant kellha għal qalbha lil Marija. Fl-Isla ħarġu jdoqqu mat-toroq kollha l-baned, kullimkien inxtgħel għall-okkażjoni u kien hemm ukoll il-logħob tan-nar fix-xatt. Dawn kienu festi kbar li ma ntesew qatt u żgur li l-festa ta’ dik is-sena kienet waħda mill-aqwa, tant li l-Arċipriet biex juri l-kobor ta’ dawn il-festi kbar tal-laħam lil familji foqra biex dawn ukoll jiċċelebraw bil-kbir. Ta’ min wieħed isemmi li wieħed jiekol il-laħam dak iż-żmien kienet ħaġa tas-sinjuri biss u ħaġa rari għall-foqra.

Dawn il-festi baqgħu mnaqqxa fl-imħuħ u l-qlub tas-Sengleani tant li baqgħu jirrakkuntawhom minn ġenerazzjoni għal oħra biex ħadd ma jinsa dawn il-ġrajjiet. Illum ninsabu mitt sena wara u faċli biex ninsew il-ġrajja iżda żgur ma ninsewx l-emozzjoni li ħassew missirijietna. Kull sena fl-4 ta’ Settembru meta naraw dik il-warda titpoġġa f’riġlejn il-Madonna, bħala tifkira ta’ dak li ġara mitt sena ilu, nerġgħu nesperjenzawha filwaqt li ntennu “issa intemmet ix-xewqa ta’ qalbna bil-kuruna fuq rasek rajnik”.

Referenzi:

Bonniċi A. O.F.M. Conv., L-Isla fi ġrajjiet il-Bażilika – Santwarju ta’ Marija Bambina, l-aħħar mitejn sena, Vol III, Parroċċa tal-Isla, 1991.

Mangion F. (Ed.), 4 ta’ Settembru 1921, Siltiet minn Diskorsi ta’ Tifkira tal-Inkurunazzjoni tal-istatwa ta’ Marija Bambina fil-Belt Senglea, Best Print Co.Ltd, il-Qrendi, Malta, 2021.

Artiklu ta’ Romina Powell B.A. (Hons) PGCE M.A. (Hospitallier Studies)  

Copyright © Parroċċa l-Isla, Malta. All Rights Reserved