Tim - Ċelebrazzjonijiet 2018

Kif forsi diġa tafu fis-sena 2018 il-belt tal-Isla se tkun qed tiċċelebra l-erba' mitt sena mill-wasla fostna tal-istatwa tant għażiża t'Ommna Marija Bambina.

Matul dawn is-snin kollha, il-poplu Senglean għożż din ix-xbieha b'tant qima u devozzjoni. Dan bir-raġun għax kien dejjem b' l-interċessjoni ta' Marija Bambina li l-poplu rnexxielu jeħles minn kull saram. Kull darba li s-Sengleani irrikorrew lejn Marija Bambina, Hi bħalha Omm dejjem interċediet għalina quddiem binha Ġesu'.

Għaldaqstant huwa bix-xieraq li f'din l-okkażjoni nsellmu l-wasla ta' Marija bambina fil-belt tal-Isla b'ċelebrazzjonijiet li jagħmlu ġieh lil din l-Omm. Kien ghalhekk li l-wisq maħbub Arċipriet Fr.Robin, ħatar kumitat biex jieħu ħsieb jorganizza sena t'attivitajiet sabiex tiġi mfakkra din l-okkażjoni li żgur ser tibqa' mnaqqxa b'ittri tad-deheb fil-qlub tas-Sengleani kollha.

Kien ta' unur għalija li ġejt magħżul bħala chairman ta' dan il-kumitat, u dan biex flimkien ma' sħabi l-membri l-oħra, norganizzaw numru t'attivitajiet biex infakkru dan l-anniversarju tant importanti. Fuq dan it-tim hemm ukoll Fr Jonathan Farrugia, Stefan Azzopardi White fil-kariga ta' Segretarju, Adrian Calleja fil-kariga ta' teżorier flimkien ma' Fleur Ebejer, Ġino Parnis, Fabian Mangion, Jean Paul Spiteri, Ryan Muscat bħala membri.

Nixtieq minn hawn inħeġġeġ lill-poplu Senglean biex jieħu sehem fiċ-ċelebrazzjonijiet li ser norganizzaw, kemm dawk reliġjużi kif ukoll dawk esterni.

Artiklu miktub mis-Sur Raymond Bezzina.


© Copyright 2015 - Senglea Parish, Malta