Griżma tal-Isqof

Fis-sena 2019, il-Griżma tal-Isqof ser issir nhar il-Ħadd 6 ta' Ottubru.

Informazzjoni rigward il-Griżma tal-Isqof

Flimkien mal-Magħmudija u ma’ l-Ewkaristija, is-sagrament tal-Konfermazzjoni jagħmel dak li flimkien huma “s-sagrament tad-dħul fil-ħajja nisranija”; Permezz tal-Konfermazzjoni, ir-rabta ta’ l-imgħammdin mal-Knisja ssir aktar perfetta, huma jistagħnew b’qawwa speċjali mill-Ispirtu s-Santu, u hekk jiġu impenjati aktar biex ixandru u jħarsu l-fidi bil-kliem u bl-għemil bħala veri xiehda ta’ Kristu.

Fir-rit Ruman l-isqof jifrex idu fuq il-ġemgħa kollha ta’ dawk li se jirċievu s-sagrament, ġest li, sa minn żmien l-Appostli, hu sinjal ta’ l-għoti ta’ l-Ispirtu s-Santu, u jitlob li jingħata l-Ispirtu s-Santu:

“O Alla li tista’ kollox, Missier Sidna Ġesù Kristu, int tajt twelid ġdid lil dawn il-qaddejja tiegħek mill-ilma u l-Ispirtu s-Santu u ħlisthom minn dnubiethom; ibgħat fuqhom, Mulej, l-Ispirtu s-Santu, id-Difensur; agħtihom l-ispirtu ta’ l-għerf u d-dehen, l-Ispirtu ta’ l-għaqal u l-qawwa, l-Ispirtu tax-xjenza u l-pjetà; imliehom bl-Ispirtu tal-biża’ tiegħek. Bi Kristu Sidna.”

Jiġi mbagħad ir-rit essenzjali tas-sagrament. Fir-rit Latin “is-sagrament tal-Konfermazzjoni jingħata permezz tad-dlik biż-żejt tal-griżma fuq il-ġbin, magħmul bit-tqegħid ta’ l-id, waqt li jingħad il-kliem: “Ħu s-siġill tad-don ta’ l-Ispirtu s-Santu’ ”.

Il-bewsa tal-paċi li biha tagħlaq iċ-ċelebrazzjoni tfisser u turi l-għaqda fil-Knisja ma’ l-isqof u ma’ l-insara kollha. F’Malta, l-Isqof jieħu b’idejn dawk li jirċievu s-sagrament.

Fiċ-ċelebrazzjoni jidher ċar li l-effett tas-Sagrament tal-Konfermazzjoni hu għoti speċjali ta’ l-Ispirtu s-Santu, kif darba ngħata lill-Appostli nhar Għid il-Ħamsin. Il-Konfermazzjoni twassal biex il-grazzja tal-Magħmudija tiżdied u tissaħħaħ aktar u tidħol aktar fil-fond:

  • tniżżel fina aktar fil-fond l-għeruq tagħna, bħala wlied Alla, biex dejjem aktar inkunu nistgħu nsejħu lil Alla ‘Abba! Missier!’

  • tgħaqqadna b’mod aktar sħiħ ma’ Kristu;

  • tkattar fina d-doni ta’ l-Ispirtu s-Santu;

  • tagħmel aktar perfetta r-rabta tagħna mal-Knisja;

  • tagħtina “qawwa speċjali mill-Ispirtu s-Santu” biex “inxandru u niddefendu l-fidi bil-kliem u bl-għemil bħala veri xiehda ta’ Kristu”, biex “bil-kuraġġ kollu nistqarru l-isem ta’ Kristu”, u biex qatt ma nistħu mis-salib tiegħu.

Bħall-Magħmudija, li tagħha hi s-sħuħija, il-Konfermazzjoni tista’ tittieħed darba biss. Dan għaliex il-konfermazzjoni tħalli fir-ruħ marka spiritwali li ma titħassar qatt, “il-karattru” li hu s-sinjal li Ġesù Kristu mmarka n-nisrani bis-siġill ta’ l-Ispirtu tiegħu u libbsu b’qawwa mis-sema ħa jkun xhud tiegħu.

L-imgħammdin kollha li ma jkunux irċevew is-sagrament tal-Konfermazzjoni jistgħu u għandhom jirċievu dan is-sagrament. Il-Magħmudija, il-Konfermazzjoni u l-Ewkaristija flimkien jagħmlu għaqda bejniethom, għalhekk “il-fidili huma obbligati jirċievu dan is-sagrament f’waqtu”.

It-tħejjija għall-Konfermazzjoni

Il-Formazzjoni għal dan is-sagrament trid tfittex li twassal lin-nisrani għall-għaqda aktar intima ma’ Kristu, għall-familjarità aktar ħajja ma’ l-Ispirtu s-Santu, mal-ħidma, id-doni u s-sejħat tiegħu, biex wieħed ikun jista’ aktar jidħol għar-responsabbiltajiet appostoliċi tal-ħajja nisranija. Min jirċievi s-sagrament tal-Konfermazzjoni jrid ikun fil-grazzja ta’ Alla; jaqbel għalhekk li jfittex is-sagrament tal-Penitenza biex jissaffa min dnubietu ħa jirċievi d-don ta’ l-Ispirtu s-Santu.

Għall-Konfermazzjoni, il-kandidati għandhom ifittxu li jkollhom l-għajnuna spiritwali ta’parrinu jew ta’ parrina, l-istess bħalma jiġri fil-Magħmudija. Jaqbel li dawn ikunu dawk stess tal-Magħmudija biex tidher ċara r-rabta li hemm iż-żewġ sagramenti.

Xi jkollok bżonn sabiex tirċivi dan is-sagrament

  1. Sitt snin ta’ Katekeżi fil-parroċċa. Wieħed ikun irrid jirreġistra sabiex jibda il-kors tat-tħejjija għas-sagramenti.

  2. Fis-sitt sena issir reġistrazzjoni fil-parroċċa. Għal din ir-reġistrazzjoni jkun hemm bżonn il-firma tal-ġenituri, certifikat tal-insinwa u ċertifikat tal-Magħmudija.

  3. Min ser jircievi dan is-sagrament irrid ikun attenda 75% tat-tagħlim fis-sitt sena.

  4. Bħala parti mill-formazzjoni il-parroċċa tagħna torganizza laqgħat ta’ formazzjoni kif ukoll Seminar li hu obligatorju għal kulħadd. (Ġenituri u pre-adolexenti)

© Copyright 2015 - Senglea Parish, Malta