M.U.S.E.U.M. - Sezzjoni Femminili

Skont informazzjoni li nsibu fl-ewwel volum tal-ħajja ta’ San Ġorġ Preca miktuba minn Patri Alessandru Bonniċi O.F.M. Conv Il-qasam tal-bniet tal-Isla infetaħ fis-7 t’Awissu 1914. Infatti s-sena l-oħra ċċelebrajna għeluq il-mitt sena mill-ftuħ tiegħu.

L-għan tal-ħidma tagħna hija li Ġesu’ jkun aktar magħruf u maħbub. L-appostolat tagħna mhux appostolat li tiegħu naħsdu frott immedjat, imma bit-tixrid tal-kelma speċjalment fil-preparazzjoni għas-Sagramenti dejjem nagħmlu ħilitna biex inrawwmu tfal u żgħażagħ skont il-qalb t’Alla. Nagħmlu wkoll appostolat mal-ġenituri billi norganizzaw laqgħat speċjali. Dawn isiru l-aktar qabel ma’ wliedhom jersqu lejn is-Sagramenti biex mhux biss nippreparaw lit-tfal imma anki lil familji tagħhom għal dawn l-avvenimenti importanti fil-ħajja ta’ dawn il-bniet.

Bħala parti mill-ħidma tagħna fi ħdan l-Isla, aħna nipprovdu wkoll rikreazzjoni sana permezz ta’ ħruġ u attivitajiet oħra li norganizzaw minn żmien għal żmien.

Fil-preżent ż-żewġ soċji Sengleani li ddedikaw ħajjithom biex jgħinu lit-tfal u jurihom lil Ġesu’ fil-ħajja tagħhom, huma rikoverati f’dar Sant Anna fl-Isla. Dan ġab il-bżonn ta’ nies ġodda biex jaħdmu f’din l-għalqa tal-Mulej. Aħna nitolbu biex il-Mulej jogħġbu jagħni lil-Qasam tagħna b’vokazzjonijiet ġodda Sengleani biex Ġesu’ jibqa’ jkun magħruf u maħbub. Kull min hu nteressat ikun jaf aktar dwar il-ħidma tagħna jew jixtieq jgħin għandu jikkuntattja lis-Sinjorina Maryanne Briffa, li hija s-Superjura ta’ din il-fergħa tal-M.U.S.E.U.M. fl-Isla.


© Copyright 2015 - Senglea Parish, Malta