Kummissjoni Djakonija

Biex ikollna Parroċċa ħajja jeħtieġ li jkun hemm diversi kummissjonijiet li jgħinu lil Arċipriet jew Kappillan fil-ħidma Pastorali favur il-parruċċani tiegħu. Fis-Sinodu Djoċesan li kien sar f'Malta fl-2003, kienu ħarġu tmien dokumenti li jispjegaw liema oqsma għandhom jiġu ndirizzati biex ikollna Parroċċa ħajja.

Wieħed minn dawn id-dokumenti kien DJAKONIJA U ĠUSTIZZJA. Dan id-dokument jgħid li f'kull parroċċa fost il-Kummissjonijiet li għandu jkun hemm, hu ta' mportanza kbira li jkun hemm il-Kummissjoni Djakonija.

DJAKONIJA X'INHI?

'Djakonija hi servizz ta' qadi b'imħabba lil ħutna fil-bżonn kif ukoll il-ħidma għall-ġustizzja fuq l-eżempju li wera Ġesù tul ħajtu kollha, b'mod partikolari, meta ċekken lilu nnifsu u ħasel saqajn l-appostli'. "KIF GĦAMILT JIEN MAGĦKOM, HEKK TAGĦMLU INTOM UKOLL" (Ġw 13, 15)

X"ĦIDMA TWETTAQ il-Kummissjoni Djakonija fil-parroċċa tagħna?

Fost ħidmiet li twettaq il-Kummissjoni Djakonija wieħed ta' min isemmi:

  • Darbtejn fix-xahar, matul is-sena kollha, membri tal-Kummissjoni jkunu preżenti fl-Uffiċċju Parrokkjali biex jgħinu lin-nies, biex jimlew formoli ħalli jintbagħtu lil Community Chest Fund biex jirċievu l-għajnuna skont il-ħtiġijiet tagħhom.

  • Kull xahar membri tal-Kummissjoni jagħmlu żjara ta' solidarjetà lil familji li jkunu ġarrbu xi telfa ta' xi ħadd għażiż tagħhom u jistiednuhom għall-Quddiesa li ssir kull xahar għall-erwieħ ta' dawk li jkunu mietu f' dak ix-xahar.

  • Fil-ġranet tal-festa jitqassmu hampers żgħar lill-anzjani li ma joħorġux biex huma wkoll jaqsmu magħna l-ferħ ta' dawn il-ġranet.

B'dan il-mod inkunu qed inħossu li aħna msejħin biex inkunu ta' servizz, jiġifieri qaddejja ta' xulxin, b'hekk tidher l-imħabba ta' Alla lejn kull bniedem. B'hekk inkunu qed nuru li aħna Knisja, jew aħjar familja ta' bnedmin li jieħdu ħsieb xulxin.

"Kull ma għamiltu ma' wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi" (Matt 25,40)

E-Mail
-


© Copyright 2015 - Senglea Parish, Malta