Il-Grupp Kariżmatiku
Lumen Christi - Sezzjoni Senglea

Il-Grupp Kariżmatiku ġie ffurmat fis-sena 1984. Il-pijunier tal-grupp kien Fr Victor Degabriele SJ, li beda għall-ewwel darba jgħaqqad dan il-grupp ġewwa l-Isla. Il-grupp beda jiffunzjona b'erba’ persuni jiltaqgħu fid-djar tal-istess membri. Maż-żmien in-numru tal-membri beda jikber u l-grupp beda jiltaqa’ fil-knisja ta' San Filippu u għal xi żmien anke’ fl-Oratorju tal-istess knisja. Il-grupp jagħmel parti mill-Komunjoni Kariżmatika, li hija ffurmata minn diversi gruppi u komunitajiet madwar Malta taħt il-Presidenza tas-Sur Andrew Cauchi.

Il-laqgħat tagħna jieħdu forma ta’ tifhir u talb spontanju lejn Alla il-Misser. L-għan huwa li nitkattru bid-doni tal-Ispirtu s-Santu u nkomplu nikbru fil-fidi, fit-tama u fl-imħabba tagħna lejn Alla. Ġieli jkollna talks minn kelliema professjonali, kemm saċerdoti kif ukoll lajċi. Jkollna sharings u testimonjanzi ta’ esperjenzi minn persuni ta' kif ħajjithom inbidlet meta ltaqgħu ma' Alla fil-ħajja personali tahhom. Diversi persuni bdew il-ħajja spiritwali tahhom permezz tal-grupp kariżmatiku li llum qedin iservu f'oqsma diversi fi ħdan il-parroċċa.

Il-grupp Kariżmatiku jagħti s-sehem sħiħ tiegħu fil-parroċċa, kemm fuq ġewwa kif ukoll fuq barra tal-bini tal-knisja. Fis-sajf jiġu organizzati outreaches ix-Xatt, fil-pjazez u fit-toroq. Aħna nagħtu wkoll għajnuna lill-movimenti oħra kemm ġewwa l-Isla kif ukoll barra mill-Isla. Il-grupp għandu wkoll grupp ta’ Interċessjoni ffurmat minn seba’ persuni. Dawn in-nies regolarment jiltaqgħu darba fil-ġimgħa fejn jitressaq talb ta' Interċessjoni għall-bżonnijiet tal-grupp u tal-komunita’.

Illum il-grupp jgħodd mat-30 membru u jiltaqa’ kull nhar ta' tnejn fis-7:15 ta' filgħaxija fil-knisja ta' San Ġiljan fl'Isla stess. Kull laqgħa ddum siegħa u kwart biss. Il-laqgħat huma miftuha għal kulħadd. Mela ħu din l-opportunita’ u ejja u ngħaqad magħna u esperjenza int ukoll il-ferħ ta' Kristu feddej. Il-Paċi tal-Mulej tkun dejjem magħkom.

E-Mail
lumenchristi@sengleaparish.org


© Copyright 2015 - Senglea Parish, Malta