Gruppi Familji Nsara

Il-Gruppi Familji Nsara hija fergħa tal-moviment ta’ Kana u ġiet imwaqqfa fl-Isla 28 sena ilu. Fil-preżent qegħdin sitt koppji u l-koppja mexejja huma Twanny u Rita Schembri. Aħna niltaqgħu kull tielet Ħamis tax-xagħar fiċ-Ċentru Marija Bambina mis-7.15 sat 8.30 pm taħt it-tmexxija taċ-Chaplain Mons Anton Gouder bil-parteċipazzjoni tal-membri preżenti.

Il-laqgħa ssir regolari mill-Iskemi ppreparati u tinqasam fit-tliet taqsimiet; ARA, QIS u AGĦMEL. ARA billi nirriflettu u niddiskutu fuq suġġett assenjat. QIS, tinqara’ silta mill-Bibbja u ssir riflessjoni fuq dak li nkunu qrajna u AGĦMEL billi ċerti proposti ta’ ħidma nagħmlu mill-aħjar u ninpenjaw ruħna biex jittwettqu.

L-Iskop huwa dejjem li nieħdu formazzjoni nisranija bħala koppji miżżewġin. Tista’ tgħid li kważi l-membri kollha tal-grupp huma nvoluti fil-ħidma tal-parroċċa l-aktar fejn tidħol il-familja. Il-membri kollha tal-grupp inkunu mistiedna nattendu laqgħat distrettwali u nazzjonali li jorganizza il-kumitat ċentrali tal-Gruppi Familji Nsara.

Bħala membri nħossu li l-laqgħa tiswielna ħafna għall-ħajja tal-familja tagħna u l-formazzjoni li niehdu minnha hija ta’ valur. Aħna nippruvaw li dak li nirċievu nkunu nistgħu noffruh lill-koppji oħrajn fil-parroċċa. Dawk il-koppji li jixtiequ jinghaqdu magħna jistgħu jagħmlu hekk billi jibgħatu e-mail fuq l-indirizz elettroniku t’hawn taħt jew billi jkellmu lill-Arċipriet.

E-Mail
grufan@sengleaparish.org


© Copyright 2015 - Senglea Parish, Malta