Azzjoni Kattolika - Fergħa Nisa

ll-Fergħa Nisa tal-Azzjoni Kattolika ilha mwaqqfa ġewwa l-Isla sa mill-bidu tas-snin erbgħin. Din il-fergħa dejjem kienet attiva ġewwa l-Isla u dejjem tat is-sehem sħiħ tagħha fil-parroċċa. Bħala nisa tal-Azzjoni Kattolika qegħdin nippruvaw li nxerdu u nwettqu l-prinċipji nsara fil-ħajja ndividwali, familjari u soċjali. Dan nippruvaw nagħmluh l-iktar fost nisa ommijiet, għax nemmnu li jekk ikollna aktar ommijiet tajbin bi prinċipji nsara jkollna aktar familji tajbin għax l-omm hija l-qalb tal-familja.

L-għanijiet prinċipali tagħna huma l-appostolat fil-familja u fl-ambjent soċjali, tixrid tal-prinċipji nsara dwar id-drittijiet u d-dmirijet tal-mara miżżewga, tal-omm, tax-xebba u l-armla. Il-ħarsien tal-għaqda fil-familja, il-ħarsien tal-morali pubblika u t-tkattir tal-attivitajiet reliġjużi, kulturali u soċjali li jmissu l-mara huma ukoll fost l-għanijiet tagħna. Dan kollu aħna nippruvaw nagħmluh speċjalment meta, waqt il-laqghat tagħna, niddiskutu suġġetti attwali biex l-ewwel nitgħallmu aħna u mbagħad ngħaddu dak li nkunu tgħallimna lill-oħrajn. Aħna nixtiequ kieku nżidu iżjed il-membri tagħna pero qegħdin insibuha diffiċli peress li ħafna nisa qed jibqgħu jaħdmu anke’ wara li jkollhom it-tfal u ma jkunux jistgħu jiġu l-laqgħat għax dawn ikunu filgħodu.

Aħna niltaqgħu kull nhar ta’ Ħamis bejn l-10.00a.m. u l-11.00a.m. fl-ewwel sular tal-Azzjoni Kattolika. Il-laqghat tagħna jkunu mmexxija mill-Assistent Ekklesjastiku Fr. Victor Mangion SDB. Nixtiequ nieħdu din l-opportunita’ biex nistiednu lil dawk in-nisa kollha li jistgħu jattendu sabiex jibdew jiġu għal dawn il-laqghat tagħna. Ibqgħu ċerti li dawn żgur ikunu ta’ ġid kbir għall-formazjoni nisranija.

Il-Presidenta hija Ms. Marylene Farrugia u l-Viċi-presidenta hi Ms. Jane Caruana.


© Copyright 2015 - Senglea Parish, Malta