Il-Kunsill Pastorali Parrokkjali

L-Arċipriet tal-Isla, Dun Robin Camilleri, jibqa’ dejjem il-mexxej spiritwali tagħna, iżda jiġu mumenti fejn anki huwa jkollu bżonn is-sapport u l-għajnuna biex jieħu deċiżjonijiet li ma jkunu xejn faċli. Huwa propju hawn li jidħol il-Kunsill Pastorali, dak li filfatt ħafna jikkunsidraw bħala l-ispalla tal-Arċipriet.

Il-KPP iservi erba’ funzjonijiet importanti. Il-Kunsill Pastorali jeżamina u jippjana l-proposti mpoġġija quddiemu mill-Kummissjonijiet u gruppi oħra, jevalwa kif imxew il-proġetti u proposti ġodda u jissuġġerixxi tibdil fejn hemm bżonn. Il-KPP għalhekk għandu rwol fundamentali; dak li jagħti pariri siewja lill-Arċipriet, biex dan tal-aħħar ikun jista’ jieħu deċiżjonijiet infurmati u skont ix-xewqa tal-parruċċani.

L-istatut tal-2004 li jirregola l-KPP jgħid:

“...il-Kunsill Pastorali Parrokkjali jilħaq il-ħidma kollha fil-parroċċa billi b’mod koresponsabbli jistudja, jipprogramma, jesegwixxi u jagħmel evalwazzjoni...Qabel ma jagħti l-parir tiegħu lill-Kappillan, il-K.P.P. irid jara li dan il-parir ikun konklużżjoni matura u frott ta’ qbil kemm jista’ jkun sħiħ fost il-membri.”

Il-Kunsill Pastorali Parrokkjali jiltaqa’ mill-inqas darba fix-xahar u filwaqt li l-ħidma tiegħu tiffoka fuq l-aspett Pastorali fil-parroċċa din ma tistax tinqata’ għal kollox minn proġetti oħra li jkunu għaddejin. Anzi huwa d-dover tal-membri tal-KPP li jgħinu fi proġetti li jistgħu direttament jew indirettament jaffettwaw il-pastorali fil-parroċċa.

Il-Kunsill Pastorali Parrokkjali – Nixħtu Ħarsitna Lejn l-Imgħoddi

F’Malta l-idea ta’ kunsill iffurmat minn qassisin, lajċi u nies reliġjuzi li jgħinu fit-tmexxija tal-knisja bdiet tieħu forma propju hawn l-Isla fl-1935 bl-isforz tal-Arċipriet Ġużeppi Bonanno (1927-1939) u bis-saħħa ta’ Dun Ġwann Theuma. Iġifieri din is-sena l-Kunsill Pastorali jagħlaq tmenin sena minn mindu beda jiffunzjona. Waqt żjara qasira f’Ruma Dun Ġwann Theuma, flimkien ma’ Dun Mikiel Azzopardi, kellu ċ-ċans jiltaqa’ ma’ Mons. Luiġi Civardi, li twieled ġewwa Fossarmato. Kien propju Mons Civardi li ħareġ bl-idea li jitwaqqaf Kunsill Parrokkjali biex jgħin fl-organizzar ta’ xi attivitajiet fil-parroċċa.

Mons. Civardi kien wieħed minn tal-ewwel li sostna li l-Knisja għandha tkun aktar miftuħa għal lajċi. Huwa kiteb ukoll numru ta’ kotba li jitkellmu fuq dan is-suġġett. Fost dawn insibu “Manual of Catholic Action (1935)” u “Apostoli nel Proprio Ambiente (1939)”. Mons Civardi tant ħadem fuq din it-tema li ħafna jemmnu li hu kien strumentali biex iwaqqaf lill-ħaddiema, fl-Italja, milli jingħaqdu mar-reġim Komunista’ fi żmien it-tieni gwerra dinjija.

L-ideat ta’ Civardi tant intgħoġbu li fl-1965 (tlett snin wara l-mewt ta’ Civardi) fil-Konċilju Vatikan II daħlet l-idea li jiġi ffurmat Kunsill Djoċesan. L-idea kienet li lajċi mid-djoċesi taħt it-tmexxija tal-Arċisqof jistgħu jagħtu kontribut fid-deċiżjonijiet li tieħu l-Knisja. Wieħed isib ukoll li fid-Digriet dwar il-Lajċi (par 26) fil-Kunsill Vatikan II jissemmew il-Kunsilli Parrokkjali, iżda kien biss bil-liġi Universali tal-Knisja (C.I.C. 536 #2) li ħarġet fl-1983 li bdew jieħdu forma l-Kunsilli Pastorali Parrokkjali kif inhuma llum. Dan ħareġ iktar ċar bl-istruzzjonijiet dwar il-Kunsilli Pastorali li ħarġu fl-1997. Dawn jgħidu hekk:

“Huwa l-Kappillan jew Arċipriet li għandu jmexxi il-Kunsill Parrokkjali. Kull deċiżjoni li tittieħed mill-Kunsill Parrokkjali u li għaliha ma kienx hemm preżenti l-Kappillan jew li saret kontra x-xewqa tal-Kappillan għandha titqies nulla u bla valur.” (Article, 5, § 3)

B’din il-liġi l-Knisja fformalizzat l-Kunsilli Pastorali u tatu r-rwol tiegħu bħala organu konsultattiv fi ħdan il-parroċċa.

Il-Kunsill Pastorali huwa ffurmat mill-mexxejja tal-Kummissjonijiet u għaqdiet reliġjuzi fil-parroċċa tagħna. Il-KPP għandu wkoll il-Moderatur u s-Segertarju tiegħu. Il-KPP jaqa’ taħt it-tmexxija diretta tal-Arċipriet tal-Isla.

Fil-preżent l-għaqdiet rrapreżentati fil-KPP tal-Isla huma d-Dar tas-Salesjani fl-Isla, il-Kummissjoni Liturġija, il-Kummissjoni Kateketika, il-Kummissjoni Familja, it-Tim tal-Festa, Grupp Familji Nsara, Il-Leġjun ta’ Marija, Grupp Kariżmatiku Lumen Kristi, il-Fratellanza tar-Rużarju, il-Fratellanza tal-Kurċifiss, il-Mużew tas-Subien u tal-Bniet u l-Azzjoni Kattolika tal-iRġiel u tan-Nisa. Il-Moderatur tal-Kunsill Pastorali huwa s-Sur Lino Zahra u s-Segretarju huwa s-Sur Stefan Azzopardi White.

E-Mail
kpp@sengleaparish.org

© Copyright 2015 - Senglea Parish, Malta