Fratellanza tar-Rużarju

Il-fratellanza tar-Rużarju tfassal il-ħidma tagħha matul is-sena’ fuq żewġ impenji prinċipali.:

  1. L-ewwel impenn ikun li niddefendu dejjem u bla mistħija l-Isem Imqaddes t’Alla u tal-Madonna mill-vizzju misħut tad-dagħa, u li nkomplu nħeġġu biex tingħad aktar ta spiss it-talba tar-Rużarju Mqaddes.

  2. L-impenn l-ieħor ikun li bħala fratellanza nikkoperaw dejjem ma’ l-Arċipriet u s-Saċerdoti li jaħdmu fl-Isla, billi bil-parteċipazzjoni tagħna nkomplu ntejbu w’insebbħu l-funzjonijiet reliġjużi, li jiġu ċċelebrati fil-Parroċċa tagħna.

B’hekk inkunu qed nimxu fuq l-eżempju ta’ missirijietna, li b’impenn u ħeġġa kienu dejjem jagħtu s-sehem tagħhom f’dak kollu li kien jiġi organizzat fil-parrocca tagħna, għall-ġid tal-komunita’ Sengleana.

Illum il-Fratellanza tar-Rużarju tal-Isla għandha l-fuq minn 80 fratell miktubin magħha, u kważi kollha huma professati fi ħdan din l-għaqda. Din iċ-ċerimonja tal-professjoni ssir kull sena, waqt quddiesa apposta lejliet il-festa tal-Madonna tar-Rużarju. Ħafna minn dawn l-irġiel Rużarjanti huma Sengleani jew għandhom qrabathom Sengleani, xi wħud minnhom huma miżżewġin nisa’ mill-Isla u kważi lkoll joqogħdu ġewwa Beltna. Nistgħu ngħidu li l-fatt li kważi l-membri kollha għandhom konnessjoni diretta ma’ l-Isla, jagħmel lil din il-Fratellanza veru waħda Sengleana, magħmula minn nies li għandhom għal qalbhom lill-Isla. Din minn dejjem kienet ix-xewqa tiegħi u ta’ sħabi l-fratelli l-oħra. Dik li fl-Isla jkollna għaqda ta’ rġiel li jkunu jħobbu u jixtiequ tassew il-ġid lil din Beltna, li fiha trabbejna u għexna il-biċċa l-kbira ta’ ħajjittna, u issa qegħdin inrabbu wkoll il-familji tagħna. Dan il-fatt iqanqal fina sens ta’ dover u entużjażmu, sabiex nagħmlu dak kollu li nistgħu għal ġid ta’ l-Isla tagħna u ta dak kollu li huwa Senglean . Ħadd ma jista’ jħoss dan is-sens ta’ dover u lejalta’ lejn Beltna, jekk ma tkunx imwieled u għext il-ġewwa minn dawn is-swar kennija tagħna. Magħna kullħadd huwa milqugħ u kull membru huwa stmat bl-akbar rispett.

Ta min ifakkar ukoll li l-Fratellanza tar-Rużarju barra li tagħti s-servizzi tagħha fil-Parroċċa tagħna, kemm fil-Bażilika u anke’ fil-knisja ta’ San Filippu, spiss tkun mistiedna sabiex takkumpanja f’diversi festi madwar Malta u Għawdex. Dan juri l-impenn serju tal-membri ta’ din il-Fratellanza, kif ukoll l-istima li din l-għaqda tagħna tgawdi f’bosta bliet u rħula f’pajjiżna. F’dawn l-għaxar snin li ilna flimkien, il-Fratellanza tar-Rużarju tagħat is-servizzi tagħha fil-Parroċċa tal-Qala u Birkirkara fuq bażi regolari, fil-festa tal-Karmnu l-Belt Valletta, fil-festa tal-Madonna ta’ Liesse fil-Belt ukoll, fil-Furjana, ir-Rabat u l-Imdina, fil-festa ta’ San Bastjan f’Ħal Qormi, fil-Parroċċa tal-Marsa u f’oħrajn. Nixtiequ li kieku nkunu nistgħu nilqgħu l-istediniet kollha li ta’ kull sena jsirulna, iżda kontra qalbna jkollna nirriffjutaw ħafna u ħafna stediniet oħra minħabba l-impenji spissi li jkollha l-Fratellanza fl-Isla.

  1. L-Artal li jinsab fil-Kappellun tar-Rużarju fuq il-lemin tal-Artal maġġur ġewwa l-Bażilika, għandu:

  2. L-kwadru impitter mill-pittur Envin Cremona fis-sena 1957, u kien ħallas għalih l-Isqof Senglean, Mons. Emanwel Galea, li għal żmien twil kien ukoll il-prokuratur tiegħu. Fil-kwadru jidhru l-Madonna bil-Bambin fuq it-tron taghhom, San Duminku u Santa Katarina, u figura ta’ kavallier u ta’ mara b’raġel mejjet fi ħdanha. Dawn jirrapreżentaw lil dawk il-Maltin li matul iż-żmien mietu martri jiddefendu r-reliġjon nisranija. Fl-isfond jidhru wkoll is-Santwarji ta’ Lourdes u ta’ Fatima. Fir-rokna tax-xellug, in-naħa t’isfel, tidher l-arma ta’ l-Isqof Emm.Galea.

  1. Fil-mensa tal-istess Artal, hemm miżmuma l-fdalijiet ta’ San Onoratu li kienu nġiebu minn Ruma fl-1882.

  2. F’niċċa taħt il-kwadru hemm statwa tal-“Ecce Homo” maħduma fl-injam mis-saċerdot Senglean Dun Bert Ellul, fis-sena 1783.

  3. Fil-festa, dan l-Artal ikun armat b’sett gandlieri tal-metall abjad.

  4. Sett statwetti maħduma minn Wistin Camilleri, li jirrapreżentaw lil San Duminku, San Vincens Ferreri, il-Papa San Piju V u San Pietru Martri; kollha qaddisin Dumnikani.

  5. Il-ventartal huwa tal-fidda, u sar fil-bidu tas-seklu għoxrin, fuq disinn ta’ Giacchino Galea.

  6. Għall-festi sekondarji hemm ventartal tal-injam indurat bid-deheb u nfurrat bid-damask, kif ukoll lampier antik tal-fidda maħdum f’Malta fi żmien il-Gran Mastru Pinto.

  7. Għall-festa jintramaw ukoll missall u lampier, it-tnejn xogħol mill-ifjen tal-fidda, u li kienu saru wkoll fil-bidu tas-seklu għoxrin.

  8. L-Artal għandu wkoll sett karti tal-Glorja tal-fidda, xogħol li sar mill-arġentier Paolo Schembri fl-1837.

  9. L-Artal jinkesa’ b’sopravalja tal-bellus, rrakkmata bid-deheb li saret fl-1985.

  10. Statwa tal-Madonna bil-Bambin, xogħol Franċiz tas-sena 1888, armata bil-pedestall b’kollox. Din l-istatwa giet imnaddfa fl-1990 minn John Pace. Il-pedestall kien irrestawrat u ndurat fl-2007 minn Roderick Busuttil, wara li kien kummissjonat mill-Fratellanza tar-Rużarju. (Permezz ta’ dan ir-restawr li sar bit-tħabrik tal-fratellanza, l-Istatwa tal-Madonna reġgħet bdiet tintrama fuq dan il-pedestall oriġinali tagħha, peress li għal għexieren ta’ snin l-istatwa kienet tintrama fuq il-pedestall tal-Kunċizzjoni.) Ir-Raġġieri tal-Madonna u l-Bambin huma t-tnejn tal-Fidda, xogħol Pawlu Busuttil tas-sena 1888. F’idejhom għandhom kuruna prezzjuża ta’ 15-il posta.

  11. Bradella maħduma ġdida mill-membri tal-fratellanza fl-2007.

  12. Surġentina tal-fidda maħduma minn Saverio Cannataci fl-1815, u restawrata fl-2006 mill-fratellanza tar-Rużarju.

  13. Midaljun tal-fidda maħdum fl-1810 minn Gio Carlo Cassar.

  14. Zewġ standardi ta’ damask abjad, wieħed minnhom antik ħafna irrakmat bid-deheb u armat b’kanna u kruċċetta tal-fidda, xogħol ta’ Pawlu Busuttil, tas-sena 1857. Dan ġie restawtrat ukoll bit-tħabrik tal-fratellanza fl-2008. Fl-istess sena sar ukoll ċoff ieħor fuq damask abjad u dekorat b’rakmu u aċċessorji b’ħajt kulur id-deheb sabiex jintrama għall-festa tal-Bambina. 

  15. Standard ieħor sabiex jintuża għall-festi sekondarji magħmul minn damask abjad, b’gallun u frenza lewn id-deheb, u mżejjen b’ċoff sempliċi tad-damask abjad ukoll. Il-kanna u l-kruċċetta tiegħu huma magħmulin minn metal abjad. Dan ix-xogħol sar kollu mill-membri tal-Fratellanza tar-Rużarju fl-2006.

  16. Salib li jintuża fil-purċissjonijiet, li sar mill-membri u benefatturi tal-fratellanza fl-2010. Dan is-Salib, li nħadem bl-isgazza b’kollox, u ngħata b’xejn lill-Fratellanza minn John Inguanez, huwa tal-injam “oroko” u miżbugħ iswed. L-irjus huma skultura fl-injam tal-iskultur Joe Busuttil, u huma indurati bid-deheb abjad. Il-Kurċifiss huwa xogħol taljan tad-ditta famuża Fontanini, u huwa ndurat ukoll bid-deheb abjad.

  17. Zewġ lanterni għall-purċissjonijiet, magħmula fir-ramm minn George Farrugia, u ndurati bil-fidda minn Cisio taż-Zejtun. Dawn saru mill-membri u l-benefatturi tal-Fratellanza fl-2012.

  18. Bankun fejn jintramaw is-Salib u l-Lanterni flimkien fil-Knisja fil-festi ta’ matul is-sena, maħdum u mogħti b’xejn lill-Fratellanza minn John Inguanez fl-2012.

  19. Bandalora ġdida ta’ damask abjad u dekorata b’disinji dekorattivi marbuta mall-Fratellanza, sabiex tibda tinġarr fil-purċissjoni fil-festa tal-Madonna tar-Rużarju. Din il-bandalora ġiet maħduma, dekorata u mogħtija b’rigal lill-Fratellanza f’Ottubru tas-sena 2013 mill-familja Haber.

  20. Surġentina oħra li saret fis-sena 2014, li hija magħmula minn statwetta tal-Madonna tar-rużarju bil-Bambin fi ħdanha, u li hija ndurata bil-fidda. Din hija mqiegħda fuq speċi ta’ pedestall għat-tond li huwa maqgħud ma’ l-anima, li hija tal-metall.

  21. Il-Fratellanza għandha wkoll mal-40 konfratija kompluti bil-muzzetti u ċ-ċingli sabiex jintużaw mill-fratelli waqt il-purċissjonijiet. Ta min isemmi li ma’ dawn il-konfratiji, kien hemm il-fuq minn 30 oħra kompluti b’kollox, li nxtraw mill-fratelli tal-Fratellanza. Dan juri li l-fratellanza għamlet fuq 70 konfratija kompluti biex jintużaw mill-fratelli tagħha.

Hemm ukoll 8 konfratiji li jintużaw biss mir-reffiegħa tal-vara, li fuqhom hemm imwaħħla l-arma rrakmata tal-fratellanza. Dawn saru sabiex ir-reffiegħa tal-vara, li ma jkollhomx muzzetta, xorta jkollhom l-arma tal-fratellanza fuq sidirhom.

Żgur li l-organizzazzjoni ta’ dawn l-irħiel kollha, u l-ħeġġa li għandhom ma kinitx tkun possibbli li kieku mhux għall-għajnuna u l-kuraġġ kontinwu li għandna minn bosta Parruċċani Sengleani li bis-sinċerita’ kollha u bi spirtu tassew nisrani jixtiequ li jaraw il-ħidma ta’ din il-Fratellanza tissokta fil-ġejjieni.

Ma’ dawn hemm ukoll Saċerdoti ħbieb tagħna li dejjem tawna l-pariri għaqlija tagħhom kull meta tlabnihom. Fost dawn ma nistax ma nsemmix lid-Direttur Spiritwali tagħna, l-Arcipriet il-Kan Robin Camilleri, li bl-għajnuna tiegħu niltaqgħu ta’ kull xahar għall-laqgħat ta’ formazzjoni spiritwali, u li jgħinna ħafna biex nagħtu s-sehem tagħna fil-Parrocca. Din l-għajnuna kienet utli ħafna biex tħajjar aktar irġiel jersqu lejn il-Knisja, u jipparteċipaw aktar f’dak kollu li jsir fil-Parroċċa.

Għalkemm l-għaqda tagħna x’aktarx li hija l-akbar waħda bħala numru ta’ membri fi ħdan il-parroċċa, matul is-sena ma jsir l-ebda xorta ta’ ġbir jew (fund raising), u lanqas titħallas miżata mill-membri. L-uniku ġbir ikun meta jkun ser isir xi apparat ġdid tal-fratellanza, fejn tintalab donazjoni lill-membri tagħna, pero’ kulhadd jitħalla fil-liberta’ kemm jekk jagħtix u anke’ l-ammont li jagħti. Meta jkollna xi dinner dance, normalment darba fis-sena qrib tal-Milied, issir lotterija, u l-qliegħ minnha jmur għall-ispejjeż li jinqalu fil-fratellanza matul is-sena. Dawn jinkludu tiswijiet, ħasil u manteniment tal-konfratiji u l-muzzetti, tiswija fl-apparat, xi apparat ġdid li jsir, xiri ta’ żjut u batteriji għall-lanterni, xiri’ ta’ kuruni għall-fratelli l-ġodda, ħlas ta’ karti A4 stampati biċ-ċirkulari ta’ kull xahar, ħlas ta’ ritratti ta’ kull attivita’ biex jitpoġġew fl-arkivju tal-fratellanza, xorb u ikel għall-bibita’ li nagħmlu fil-festa tar-rużarju, xiri ta’ nbid għal-lotterija tal-Milied, ħlas ta’ trasport fejn ma jinġabarx kollu, spiża ta’ kuruni tar-rand waqt il-funerali tal-membri, ħlas lis-saċerdot li jgħamel xi quddiesa lill-membri, flimkien ma’ spejjeż oħra li ta’ kull sena jinqalgħu minn żmien għal żmien.

E-Mail
rosary@sengleaparish.org

 

© Copyright 2015 - Senglea Parish, Malta