L-Arċikonfraternita' tas-Santissimu Kurċifiss

Il-Fratellanza tal-Kurċifiss twaqqfet fil-Parroċċa tal-Isla fl-1715 fuq l-artal iddedikat lid-Duluri tal-Madonna. Din il-Fratellanza, l-istess bħal dil li kienet teżisti qabilha ddedikata lill-Madonna tal-Karita', kellha żewġ għanijiet ewlenin: dak li tkabbar id-devozzjoni lejn il-Passjoni u l-Mewt ta' Sidna Ġesu' Kristu, u dak li tieħu ħsieb il-foqra billi mill-fondi tagħha, tagħmlilhom funeral u tidfinhom fl-oqbra tagħha. Biex tkabbar id-devozzjoni lejn il-Passjoni u l -Mewt ta' Ġesu', il-Fratellanza kienet marbuta illi nhar il-Ġimgħa l-Kbira, torganizza purċissjoni bl-istatwa tal-Passjoni.

Malli ħadet fuqha l-obbligi li kellha l-Fratellanza tal-Karita', il-Fratellanza tal-Kurċifiss daħlet għal żewġ proġetti li saħħew l-għeruq ta' din il-Fratellanza ġdida. Fl-1725, il-fratelli ikkumissjonaw lill-pittur Sqalli Corrado Giaquinto biex ipitter kwadru ġdid għall-artal li kellhom fil-knisja. Din il-pittura tirraffigura lill-Madonna Addolorata fil-mument meta qed tħaddan il-ġisem mejjet ta' Binha appena tniżżel minn fuq is-Salib. Fis-sena 1727 huma bdew jippjanaw biex maġenb il-knisja, jibnu Oratorju fejn ikunu jistgħu jaqdu aħjar l-obbligi imposti fuqhom mill-istatut tat-twaqqif tal-Fratellanza.

Il-ħidma karitatevoli u soċjali tal-Fratellanza għenet biex fiha ssieħbu anke' personalitajiet għolja tas-soċjeta'. Saħansitra fiha nkiteb il-Gran Mastru Emmanuel Pinto li għal disa' snin kien maħtur Rettur. Il-Fratellanza kompliet tikber fl-istatura u l-importanza meta fl-1773 ġiet affiljata mal-Arċikonfraternita'. Aktar tard, fl-1814, il-Fratellanza tgħabbiet bit-tmexxija u l-amministrazzjoni ta' opra soċjali ġdida fl-Isla, dik li kienet magħrufa bħala l-Ospizio Sant' Anna. Din id-dar kbira kienet tilqa' fiha nisa morda jew anzjani li ma kellhom lil ħadd biex idur bihom.

L-obbligu li l-Fratellanza intrabtet bih mit-twaqqif tagħha, li tkabbar id-devozzjoni lejn il-Passjoni u l-Mewt ta' Sidna Ġesu' Kristu, inżamm qawwi tul is-snin, u kien għalhekk illi hija baqgħet torganizza il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira. Għal din l-okkażjoni, l-Fratellanza dejjem tat dak kollu li kien meħtieġ, kemm biż-żamma u l-kura tat-tmien statwi tal-purċissjoni, kif ukoll permezz tas-sehem tal-imseħbin, u l-impenn li tistinka ħalli tħajjar aktar parruċċani biex jipparteċipaw f'din il-manifestazzjoni. Għal dan il-għan ukoll, il-Fratellanza damet għal snin sħaħ torganizza festa u purċissjoni f'ġieħ is-Salib Imqaddes nhar it-3 ta' Mejju ta' kull sena. L-impenn ewlieni tal-Fratellanza llum hu li tkompli tkabbar u x-xerred id-devozzjoni lejn ix-xbieha mirakoluża ta' Ġesu' Redentur, meqjuma b'għożża kbira fl-Oratorju tal-Fratellanza.

Minkejja t-tibdil li għaddiet minnu, din il-Fratellanza għadha tagħti sehemha fil-ħidma tal-Parroċċa sal-ġurnata tal-lum.


© Copyright 2015 - Senglea Parish, Malta