Jum Il-Ħatra
Jum ta' għaqda bejn is-Sengleani

Nhar il-Ħadd, 18 ta’ Mejju 2014, il-Bażilika tal-Isla reġgħet libset l-ilbies tal-festa biex tiċċelebra l-ħatra ta’ Dun Robin Camilleri bħala Kanonku u Arċipriet ġdid tal-għażiża Bażilika tagħna.

Iċ-ċerimonja bdiet bl-Għasar fil-knisja ta’ Porto Salvo. Wara dan il-Korteo li wassal lil Dun Robin mill-knisja ta’ Porto Salvo sal-knisja parrokkjali beda l-mixja tiegħu, akkumpanjat mill-banda Sengleana La Vinċitriċe. Mal-wasla tal-Korteo bdew il-funzjoni tal-Kanonikat ta’ Dun Robin u l-quddiesa tal-Ħatra tiegħu. Dawn kienu mmexxija mill-Eċċ. tiegħu l-Isqof Charles Scicluna. Il-Bażilika tal-Isla kienet kburija tilqa’ lill-Eċċ. tagħha l-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca, li għoġobha tingħaqad mal-ferħ tagħna s-Sengleani.

Għalkemm iċ-ċerimonja kollha damet biss ftit sigħat din kienet il-frott tal-ħidma ta’ ġimgħat sħaħ ta’ preparazzjoni mit-Tim tal-Pussess, immexxi minn Fr Victor Mangion. F’ħidma koordinata dan il-grupp ħa ħsieb il-preparamenti kollha ta’ din il-ġurnata.

Din ma kenitx xi ħaġa faċli, b’mod speċjali għax kienet ix-xewqa tal-Kanonku Arċipriet il-ġdid li din il-quddiesa tkun is-simbolu ta’ għaqda bejn l-għaqdiet Reliġjużi u Soċjali kollha fi ħdan il-Parroċċa. Aktar minn hekk l-għan kien li kull Senglean kellu jħossu milqugħ fid-dar t’Alla u l-mistieden speċjali ta’ Dun Robin. Għal dan il-għan minbarra l-istediniet li ntbatu lil kull għaqda ġewwa l-parroċċa twasslu wkoll stediniet f’kull residenza ġewwa l-Isla. Ir-rappreżentanti tal-għaqdiet Reliġjuzi ħadu sehem fil-qari ta’ waqt il-quddiesa, filwaqt li rappreżentanti tal-għaqdiet Soċjali ġew mistiedna biex jitilgħu bl-offerti.

Ma nistgħux nitkellmu dwar jum il-ħatra mingħajr ma nsemmu s-sehem ferm importanti tal-Kor tal-Bażilika mmexxi mill-Maestro Alfred Callus u minn Fr. Aurelio Mule’ Stagno. Dan il-kor ikkonferma l-fiduċja li l-Arċipriet wera fih billi f’qasir żmien tgħallem numru ta’ kant ġdid li bih għaxxaq lil kull min kien preżenti għall-quddiesa.

Wara l-funzjoni kulħadd kien mistieden għal riċeviment fis-Sede’ tal-Azzjoni Kattolika. Hawn ta’ min isemmi x-xogħol eċċelenti ta’ dawk kollha li ħadu ħsieb it-tisjir kollu għal din l-okkażżjoni. Ix-xogħol, il-kapaċita’ u d-dedikazzjoni ta’ dawn in-nies kienet essenzjali biex għalaqna din il-ġurnata b’mod tajjeb u flimkien.

Nagħlaq billi ngħid li din il-ġurnata tibqa' għalina s-Sengleani kollha l-jum tal-għaqda bejnietna lkoll. Aħna wrejna kif fejn hemm l-għaqda nirnexxu. Issa jmiss lilna s-Sengleani kollha biex inħarsu l-quddiem u bil-kliem tal-motto tal-Arċipriet il-ġdid f'moħħna u f'qalbna "Nagħmlu kollox f'isem il-Mulej Ġesù", (Kor 3:17).

Artiklu miktub mis-Sur Stefan Azzopardi White.


© Copyright 2015 - Senglea Parish, Malta