400 Sena Fostna
Ir-Raba' Ċentinarju tal-Bambina fil-Belt Senglea

Il-logo tar-Raba’ Ċentinarju tal-Bambina fil-Belt Senglea.

Mal-ewwel daqqa t’għajn jispikkaw l-elementi kollha li jsawwru dan il-logo li ser ikun qed jidher ta’ spiss matul is-sena 2018, is-sena li fiha nfakkru l-400 sena mill-wasla tax-xbieha devota u mirakoluża ta’ Marija Bambina fil-belt Senglea.

Il-vara tal-Bambina tinsab f’post ċentrali peress li dawn iċ-ċelebrazzjonijiet iduru kollha magħha, biex ifakkru dik l-għodwa fl-1618, meta l-belt Senglea laqgħet is-Sultana tagħha.

Taħt il-Bambina jidhru s-swar bil-gardjola sinonima ma’ beltna. Is-swar jieħdu wkoll il-forma ta’ bastiment li qiegħed jifred il-mewġ tal-baħar li jinsab taħthom, tifkira tal-użu li kellha l-vara maħbuba tagħna qabel ma twasslet providenzjalment fostna. Fil-fatt, l-istatwa kienet instabet fil-baħar tad-Dalmazja mal-fdalijiet ta’ bastiment nisrani, li fuqu kienet tinsab. Il-qagħda tal-Bambina fuq is-swar, tfakkar l-oriġini tagħha u tfakkar ukoll id-dinjieta li tgawdi llum bħala patruna tal-belt Senglea u bħala Santwarju inkurunat. Minquxa fuq is-swar, hemm l-annijiet li qed ifakkru l-miġja tagħha u llum, 400 sena ta’ rabta bejn il-Bambina u beltha.

Maġenb il-Bambina tidher l-arma tal-Kolleġjata Sengleana mwaqqfga fl-1786, l-ewwel waħda fit-tlett ibliet tal-port, grazzi għat-tħabrik tas-saċerdoti Sengleani li minn dejjem ħadmu biex ir-rabta bejn il-Bambina u beltna tibqa’ dejjem soda, u li ħadu ħsieb b’imħabba u għożża l-isbaħ ġawrha ta’ din il-belt.

Fl-aħħar nett tidher il-burdura safra u ħamra bil-kliem “400 Sena Fostna” li jfakkru ċ-ċentinarju li beltna qed tiċċelebra. Il-kuluri aħmar u isfar ifakkru t-titlu ta’ Bażilika Minuri li ġiet mogħtija l-Knisja Arċipretali ta’ din il-belt fl-1921 ftit xhur qabel ma ġiet inkurunata solennement il-vara maħbuba tal-Bambina.


© Copyright 2015 - Senglea Parish, Malta